Mur għall-kontenut ewlieni

Il-liġi tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva

Ir-regoli tal-UE u l-attività f’dan il-qasam, il-Grupp ta’ Esperti Informali dwar il-Liġi tal-Kumpaniji, il-pjan ta’ azzjoni dwar il-liġi tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva.

Ir-regoli tal-UE f’dan il-qasam

L-għan tar-regoli tal-UE f’dan il-qasam hu biex

  • jagħmluha possibbli li n-negozji jistabbilixxu u jwettqu l-operazzjonijiet kullimkien fl-UE

  • jipprovdu protezzjoni lill-azzjonisti u lil partijiet oħrajn li għandhom interess partikolari fil-kumpaniji, bħall-impjegati u l-kredituri

  • jagħmlu n-negozju aktar effiċjenti, kompetittiv u sostenibbli fuq żmien twil

  • jinkoraġġixxu n-negozji bbażati f’pajjiżi differenti tal-UE biex jikkooperaw ma’ xulxin.

Ir-regoli tal-UE dwar ir-rappurtar, l-awditjar u t-trasparenza tal-kumpaniji jikkomplementaw dan il-qafas legali.

Rappurtar u awditjar tal-kumpaniji

Formazzjoni, rekwiżiti ta’ kapital u ta' divulgazzjoni u operazzjonijiet tal-kumpaniji

Ir-regoli dwar il-liġi tal-kumpaniji tal-UE jkopru kwistjonijiet bħall-formazzjoni, ir-rekwiżiti ta’ kapital u ta’ divulgazzjoni, u l-operazzjonijiet (mergers, diviżjonijiet) tal-kumpaniji

Id-Direttiva 2017/1132 - Liġi dwar il-kumpanniji diġitali 

Parti kbira tal-liġi tal-kumpaniji tal-UE issa hija kkodifikata f’Direttiva waħda - id-Direttiva 2017/1132 dwar ċerti aspetti tal-liġi tal-kumpaniji.

Il-proposta għal Direttiva biex tkompli tespandi u taġġorna l-użu tal-għodod u l-proċessi diġitali fil-liġi tal-kumpaniji ġiet adottata mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Marzu 2023. Għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza u l-fiduċja fl-ambjent tan-negozju fis-suq uniku, billi tagħmel aktar informazzjoni dwar il-kumpaniji disponibbli għall-pubbliku u billi tiżgura li l-informazzjoni dwar il-kumpaniji fir-reġistri kummerċjali tkun affidabbli u aġġornata, u li tnaqqas il-piż amministrattiv meta l-kumpaniji jużaw informazzjoni dwar il-kumpaniji minn reġistri kummerċjali f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Il-proposta issa se tiġi negozjata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Sib id-dokumenti kollha dwar il-proposta għal Direttiva biex tkompli tespandi u taġġorna l-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fil-liġi tal-kumpaniji

Id-Direttiva 2019/1151 tal-20 ta’ Ġunju 2019 tkopri dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fil-liġi dwar il-kumpaniji. L-iskadenza tat-traspożizzjoni għall-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet skadiet f’Awwissu 2022 iżda l-Istati Membri għandhom sa Awwissu 2023 biex jittrasponu ċerti Artikoli. Id-Direttiva (UE) 2019/2121 tas-27 ta' Novembru 2019 tistabbilixxi regoli ġodda dwar il-konverżjonijiet u d-diviżjonijiet transfruntieri u temenda r-regoli dwar il-mergers transfruntieri. L-iskadenza tat-traspożizzjoni tagħha skadiet f’Jannar 2023. Dan is-sett ġdid ta’ regoli se jippermetti lill-kumpaniji jużaw għodod diġitali fil-proċeduri tal-liġi tal-kumpaniji u jirristrutturaw u jiċċaqalqu b’mod transfruntier, filwaqt li jipprovdu salvagwardji b’saħħithom kontra l-frodi u jipproteġu lill-partijiet ikkonċernati. 

Il-proposta tal-2023 u d-Direttivi tal-2019 jirrevedu u jikkomplementaw id-Direttiva 2017/1132.


Id-Direttiva 2012/17 - Sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali (“BRIS”)

Id-Direttiva 2012/17/UE u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1042 jistabbilixxu regoli dwar is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistru kummerċjali (“BRIS”). Il-BRIS ilha topera mit-8 ta’ Ġunju 2017. Hi tippermetti aċċess elettroniku fl-UE kollha għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji u għad-dokumenti maħżuna fir-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika. Il-BRIS tippermetti wkoll lir-reġistri kummerċjali jiskambjaw informazzjoni bejniethom dwar operazzjonijiet transfruntieri u dwar kumpaniji u l-fergħat transfruntieri tagħhom. Ir-rapport ta’ implimentazzjoni dwar l-iżvilupp tal-BRIS, u b’mod partikolari dwar l-operat tekniku u l-aspetti finanzjarji tagħha kif regolati mid-Direttiva 2012/17/UE, ġie ppubblikat fid-29 ta’ Marzu 2023.

 

Id-Direttiva 2009/102 - kumpaniji b’membru wieħed

Id-Direttiva 2009/102/KE tipprovdi qafas għall-istabbiliment ta’ kumpaniji b’membru wieħed.


Ir-Regolament 2157/2001 u r-Regolament 2137/85 - ir-regoli tal-entitajiet ġuridiċi tal-UE

Żewġ Regolamenti jipprovdu regoli dwar l-entitajiet ġuridiċi tal-UE: Ir-Regolament 2157/2001 jistabbilixxi statut għal Kumpanija Ewropea (Societas Europaea jew “SE”), jiġifieri forma ġuridika tal-UE għal kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, u jippermetti lill-kumpaniji li ġejjin minn Stati Membri differenti jmexxu n-negozju tagħhom fl-UE taħt marka kummerċjali unika Ewropea. Ir-Regolament 2137/85 jistabbilixxi statut għal Grupp Ewropew b’Interess Ekonomiku (GEIE), jiġifieri, forma ġuridika tal-UE għal grupp iffurmat minn kumpaniji jew korpi ġuridiċi u/jew persuni fiżiċi li jwettqu attività ekonomika li jkunu ġejjin minn Stati Membri differenti; l-għan ta’ grupp bħal dan huwa li jiffaċilita jew jiżviluppa l-attivitajiet ekonomiċi transfruntieri tal-membri tiegħu. 

Kwistjonijiet ta’ governanza korporattiva

 Ir-regoli tal-liġi tal-kumpaniji tal-UE jindirizzaw ukoll kwistjonijiet ta’ governanza korporattiva, li jiffukaw fuq ir-relazzjonijiet bejn il-maniġment ta’ kumpanija, il-bord, l-azzjonisti u partijiet ikkonċernati oħra, u għalhekk, fuq il-modi kif il-kumpanija hija mmaniġġjata u kkontrollata.

  • Id-Direttiva 2007/36/KE dwar id-drittijiet tal-azzjonisti tistabbilixxi ċerti drittijiet għall-azzjonisti f’kumpaniji elenkati

    Din id-Direttiva ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2017/828, li għandha l-għan li tħeġġeġ aktar involviment fit-tul tal-azzjonisti.

    Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1212 tal-2018 jistabbilixxi rekwiżiti minimi fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-azzjonisti, it-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti.

  • Id-Direttiva 2004/25/KE dwar offerti ta’ xiri tistabbilixxi standards minimi għal offerti ta’ xiri (jew bidliet ta’ kontroll) li jinvolvu titoli ta’ kumpaniji tal-UE.

  • Fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2020 tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali , u b’mod aktar speċifiku, taħt il-kompiti previsti taħt l-Azzjoni 12, li għandha l-għan li tiffaċilita l-involviment tal-azzjonisti, il-Kummissjoni impenjat ruħha li teżamina l-ostakli nazzjonali possibbli għall-użu ta’ teknoloġiji diġitali ġodda fl-interazzjoni bejn l-investituri, l-intermedjarji u l-emittenti. Fl-21.12.2022 inħareġ Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD (2022) 447 final), dwar il-valutazzjoni u l-konklużjonijiet dwar dan il-punt tal-Azzjoni 12.

    16 JANNAR 2023
    Commission staff working document on Action 12 of 2020 Capital Markets Union Action Plan

Diliġenza Dovuta għas-Sostenibbiltà Korporattiva

F’konformità mal-objettiv ġenerali tal-Kummissjoni ta’ tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija sostenibbli u rkupru sostenibbli wara l-kriżi tal-COVID, il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta’ Rkupru tal-Kummissjoni kkonfermaw l-importanza li s-sostenibbiltà tiġi inkorporata fil-governanza korporattiva. Il-proposta għal Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva (COM (2022) 71), adottata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Frar 2022, għandha l-għan li tippermetti aħjar lill-kumpaniji jidentifikaw u jimmitigaw l-impatt negattiv reali jew potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent fl-operat u fil-ktajjen tal-valur tal-kumpaniji. Il-proposta (bil-lingwi kollha tal-UE) issa tinsab fil-proċess koleġiżlattiv.

Governanza korporattiva u remunerazzjoni għall-banek u d-ditti tal-investiment

Japplikaw regoli speċifiċi dwar il-governanza korporattiva u r-remunerazzjoni għall-banek u d-ditti tal-investiment. L-għan ta’ dawn ir-regoli huwa li jrażżnu t-teħid ta’ riskju eċċessiv, u b’hekk jgħinu biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja.

Għalhekk, filwaqt li d-ditti tal-investiment sistemiċi jibqgħu taħt ir-regoli bankarji, id-ditti tal-investiment mhux sistemiċi huma soġġetti għal reġim personalizzat. Għal iktar informazzjoni: Regoli prudenzjali għal ditti tal-investiment

Gruppi ta’ esperti u pjattaformi ta’ partijiet ikkonċernati

Grupp Informali ta’ Esperti dwar il-Liġi tal-Kumpaniji u l-Governanza Korporattiva (ICLEG)

Dan il-grupp – li jikkonsisti fi professuri u professjonisti fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji – jagħti pariri lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ inizjattivi dwar il-liġi tal-kumpaniji. Il-grupp twaqqaf għall-ewwel darba fl-2014 u ġedded is-sħubija tiegħu fl-2019 wara sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet fid-dawl ta’ sfidi ġodda għal-liġi tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva. Sib aktar informazzjoni dwar il-grupp ICLEG u dwar il-ħidma tiegħu

It-timijiet tal-liġi tal-kumpaniji u tal-governanza korporattiva fid-DĠ Ġustizzja u Konsumaturi huma diżappuntati bl-aħbar li l-Professur Dr Gerald Spindler miet f’daqqa fl-11 ta’ Settembru 2023. Aħna naqsmu l-kondoljanzi l-aktar profondi tagħna mal-familja tiegħu u mal-komunità akkademika li kien jagħmel parti minnha. Il-kontribut tal-Prof. Dr. Spindler għax-xogħol akkademiku tal-ICLEG kien apprezzat ħafna. Il-grupp se jħoss in-nuqqas tiegħu.

Pjattaforma Online dwar il-Governanza Korporattiva

Dan huwa spazju diġitali għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar għadd ta’ suġġetti differenti ta’ governanza korporattiva, li jvarjaw mill-politika tal-immaniġġjar tal-investituri għas-sostenibbiltà. Il-pjattaforma tinkoraġġixxi djalogu bejn il-kumpaniji, l-investituri, il-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi u tgħin lill-Kummissjoni biex tevalwa jekk il-miżuri ta’ qabel jilħqux l-iskop tagħhom fil-prattika. Biex tkun taf aktar, jekk jogħġbok ibgħat email lil just-cg-opatec [dot] europa [dot] eu (just-cg-op[at]ec[dot]europa[dot]eu)